Lejn ekonomija ċirkolari permezz ta’ żoni b’inqas plastik fil-gżejjer tal-Mediterran

Il-proġett LooP Zone jindirizza waħda mill-aktar problemi ambjentali li jispikkaw fil-Mediterran: it-tniġġis mill-plastik fil-gżejjer turistiċi. Kull sena, aktar minn 200 miljun viżitatur jikkontribwixxu għal żieda qawwija fl-iskart tal-plastik. Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss (SUPs) jammontaw għal aktar minn 60% tal-iskart fil-baħar. Gżejjer bħal Formentera, Salina, Skiathos, Vis u Għawdex qed jiffaċċjaw pressjoni dejjem akbar, filwaqt li s-sistemi lokali tal-immaniġġjar tal-iskart qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu.

Fuq xiex jiffoka l-proġett

LooP Zone joħloq żoni b’użu mnaqqas tal-plastik (Low Plastic Zones), fejn l-awtoritajiet lokali, in-negozji tat-turiżmu u l-innovaturi lokali jaħdmu flimkien biex jevitaw u gradwalment jeliminaw l-użu tal-plastik li jintuża darba biss fis-settur tal-ospitalità (HORECA), kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.

L-għan hu li jitnaqqas l-użu tal-plastik f’ħames gżejjer turistiċi, b’riżultati li jistgħu jitkejlu u jinżammu fit-tul. B’hekk, il-proġett jgħin biex l-ekonomija lokali marbuta mat-turiżmu ssir aktar sostenibbli u ċirkolari.

  • In-negozji fis-settur tat-turiżmu, bħal-lukandi, il-bars u r-ristoranti, jingħataw għodod biex ikejlu l-użu tagħhom tal-plastik u l-impatt tiegħu, u jadottaw alternattivi sostenibbli li jistgħu jerġgħu jintużaw.
  • Mudelli ta’ negozju bbażati fuq l-innovazzjoni joffru alternattivi għall-prodotti komuni tal-plastik li jintużaw darba biss.
  • Il-politiki lokali jissaħħu biex jgħinu jintlaħqu l-miri nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea għat-tnaqqis fl-użu tal-plastik.

Il-proġett hu mibni fuq tliet pilastri: il-politika, l-appoġġ lin-negozji u l-innovazzjoni. Is-soluzzjonijiet jiġu ttestjati fuq livell lokali u jinqasmu permezz ta’ pjattaforma diġitali, biex imbagħad jiġu applikati fuq skala usa’ permezz ta’ netwerk reġjonali ta’ gżejjer.

Il-viżjoni tagħna

Il-viżjoni tagħna hi li t-turiżmu fil-Mediterran jimxi minn sistema fejn nieħdu r-riżorsi, nipproduċu l-oġġetti u mbagħad narmuhom, lejn ekonomija ċirkolari li tħares kemm lin-nies kif ukoll lill-baħar.

LooP Zone huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Programm Interreg Euro-MED, taħt il-prijorità tat-Turiżmu Sostenibbli.
Il-baġit totali tal-proġett huwa ta’ €3,999,526.60.
Il-kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea jammonta għal €3,199,621.28 (80%), permezz tal-Programm Interreg Euro-MED.

Sit web tal-proġett: – https://loopzone.interreg-euro-med.eu/