Mit-22 sat-23 ta’ April 2026, żewġ rappreżentanti mid-Direttorat “Environmental Innovation and Greening” (EIGD) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar (EIGD) attendew it-tielet Laqgħa tal-Komunità Tematika “Green Living Areas” f’Ateni, fejn irrappreżentaw il-proġett ReMED.
Dan l-avveniment immarka pass importanti, hekk kif il-Missjoni daħlet fit-tieni nofs tal-fażi ta’ implimentazzjoni tagħha, b’enfasi akbar fuq it-trasferiment tas-soluzzjonijiet tal-proġetti u l-integrazzjoni tagħhom fil-qafas tal-“policies”.
Il-laqgħa kienet mifruxa fuq jumejn. L-ewwel jum iffoka fuq il-proġetti tematiċi, fejn rappreżentant tal-EIGD ippreżenta r-riżultati u l-kisbiet ewlenin tal-proġett ReMED, inklużi s-soluzzjonijiet li ħarġu mil-proġett. It-tieni jum iffoka fuq kif jista’ jitnaqqas id-distakk bejn l-innovazzjoni li toħroġ mill-proġetti u l-iżvilupp ta’ “policies”, sabiex jiġi żgurat li dawn is-soluzzjonijiet jiġu integrati fi strateġiji territorjali.
L-avveniment kien ukoll opportunità eċċellenti sabiex jiġu identifikati sinerġiji u opportunitajiet ta’ trasferiment konġunt bejn il-proġetti, kif ukoll sabiex jinħolqu kuntatti ma’ msieħba ġodda li jistgħu jkunu parti mill-fażi ta’ trasferiment tal-proġett ReMED, speċjalment issa li l-proġett ġie magħżul b’mod preliminari għal din il-fażi.
Din il-laqgħa kienet pass importanti għall-Komunità Tematika “Green Living Areas”, peress li immarkat bidla minn fażi ta’ kollaborazzjoni u sperimentazzjoni lejn konsolidazzjoni, integrazzjoni fil-politika u impatt fit-tul fir-reġjun Ewro-Mediterranju.












